Lyrics
Jien sal-lum għadni niftakar
kif lil hinn minn dan il-baħar,
ġo għawdex sibt tfajla
Ma rajt bħalha mkien.
Tgħix ġo għorfa mal-plajja
fejn kont magħha nitlajja
sewwa sew fejn il-bajja ta’
Ħondoq Ir-Rummien.
Il-missier kien xogħlu bidwi
kellu għalqa fix-xemx tiddi,
u kellu wkoll dwieli
u naħal fil-ġnien.
Ommha iċċekċek iċ-ċombini
taħdem il-bizzilel fini,
u ħuta raħħala
ta’ Ħondoq Ir-Rummien.
Żan żan, in-naħal iżanżan
din don, il-qniepen fil-bogħod
ċuf ċuf, il-mewġ mal-blata
u l-ħajja għadejja bil-mod il-mod
Kont noħdilha xi rigali
dak iż-żmien xejn ma kien għali
taħt ħajt tas-sejjieħ
konna nqattgħu ż-żmien.
Niklu il-bajtar tan-natura
dak iż-żmien konna għadna lura
kuntenti b’xortina
ġo Ħondoq Ir-Rummien.
Żan żan, in-naħal iżanżan
din don, il-qniepen fil-bogħod
ċuf ċuf, il-mewġ mal-blata
u l-ħajja għadejja bil-mod il-mod
Imbagħad ġew il-kuntratturi
bis-siment u il-kumpressuri
bnew bini tal-għaġeb
xejn m’għadu kif kien.
Kull bidwi biegħ il-bejjem
u emigraw għal-dejjem
baqali biss memorji
ta’ Ħondoq Ir-Rummien.
Vum vum, il-kumpressuri jħabbtu
ħenn għalina kif l-art qed tirtgħod.
Miet il-ħoss tal-mewġ mal-blata
u il-ħajja tmut bil-mod, il-mod
il-mod, il-mod.